Skont informazzjoni li persuni qrib Transport Malta għaddew lil l-orizzont, jirriżulta li f’April tas-sena li għaddiet, esperti fi ħdan din l-awtorità ħejjew rapport li fih identifikaw lokalitajiet li jistgħu jkunu vijabbli biex fihom jiġu żviluppati jott marinas kemm dawk li jistgħu jintużaw is-sena kollha kif ukoll jott marinas temporanji, u dan bl-iskop li jitjiebu l-faċilitajiet għall-jottijiet hawn Malta.
Dan meta xahar qabel, kien għadu kif ġie ppubblikat l-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) dwar il-proposta ta’ żvi lupp ta’ jott marina fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Ir-rapport imħejji minn Transport Malta jgħid ċar u tond li l-iżvilupp ta’ kwalunkwe jott marina ġdida m’għandux ikun akkumpanjat minn żvilupp ieħor, bħal residenzi. Kwalunke jott marina ġdida għandha to pera b’mod kummerċjalment vijabbli mingħajr id-dipendenza tad-dħul minn proprjetajiet oħrajn, iżid jgħid ir-rapport.
Iżda skont il-proġett propost għall-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, il-jott marina se tinkludi wkoll il-bini ta’ vilel, appartamenti u lukanda.
Fl-istudju jingħad li siti li jinkludu l-kosta naturali ma ġewx ikkonsidrati għall-iżvilupp ta’ jott marina li tista’ tintuża s-sena kollha, dejjem jekk ma jkunux issemmew f’xi rapporti preċedenti. Għaldaqstant, il-fatt li Ħondoq ir-Rummien ma ssemmiex f’dan ir-rapport bħala sit addattat għal jott marina jimplika li lanqas ġie kkonsidrat bħala vijabbli f’xi rapport ieħor li taf bih Transport Malta.
Dwar jott marina temporanja, l-istudju jgħid li ħafna mill-proposti jokkupaw kobor ta’ inqas minn ettaru (10,000 metru kwadru) u għalhekk jillimitaw l-impatt ambjentali.
Dan ifisser li Transport Malta, f’April tas-sena li għaddiet, warrbet lil Ħondoq ir-Rummien minn fost il-lokalitajiet kollha f’Għawdex li possibilment, fihom tista’ tiġi żviluppata jott marina.
Ta’ min ifakkar ukoll li fl-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) li mistenni jkollu dan il-proġett jeżistu diskrepanzi kbar fiċ-ċifri msemmijin.
F’rapport li l-orizzont kien ippubblika fis-27 ta’ Lulju li għadda, żvela kif jeżistu diskrepanzi kbar kemm fin-numru ta’ sodod li se jkollha l-lukanda, kif ukoll fin-numru ta’ spazji li se jkunu allokati għall-parkeġġ u fin-numru ta’ vilel li se jkun hemm u fin-numru ta’ ħwienet.
Barra minn hekk, hemm diversi mistoqsijiet oħrajn li jduru ma’ dan il-proġett, fosthom il-fatt li l-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna jiddeskrivi ż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien bħala żona li għandha densità baxxa, iżda meta wieħed iħares lejn x’se jinkludi l-proġett, jirrealizza li l-proposta ta’ żvilupp ta’ lukanda, vilel, appartamenti, stabbiliment tal-ikel u ħwienet mhux se tħalli l-lokalità b’densità baxxa.
Hemm mistoqsijiet oħrajn dwar kif is-sommarju tal-istudju jsemmi li mhuwiex il-każ li l-bajja se tkun iffollata bin-nies, meta huwa ovvju li bil-proġett se jkun hemm ħafna iżjed nies li se jagħmlu użu mill-bajja u għalhekk ma tantx huwa possib b li li l-bajja ma tkunx iffrekwentata minn mijiet ta’ nies.
Skont l-istudju dwar l-impatt ambjentali, jidher li matul il-perjodu ta’ tħaffir u kostruzzjoni, in-numru ta’ trakkijiet li jidħlu u joħorġu minn fuq is-sit se jkun ta’ trakk kull erba’ minuti iżda mhux se jkun hemm żieda ta’ traffiku li se jgħaddi mill-Qala u minn Tal-Kunċizzjoni. Madankollu, jissemma kif meta l-proġett jibda jopera, se jkun hemm żieda ta’ madwar 456 vettura żgħira li jidħlu u joħorġu mill-Qala matul l-aqwa ħinijiet tal-ġurnata.
Anke l-Kummissjoni dwar l-Ambjent tal-Knisja ħarġet tiddikjara l-pożizzjoni tagħha kontra dan il-proġett meta qalet li dan il-proġett se jkun ta’ ħsara ambjentali, fiżika, soċjali, turistika, ekoloġika, mhux biss għar-residenti Qalin, iżda wkoll għal dawk kollha li jżuru din il-bajja. Quddiem din ir-reazzjoni, il-Moviment Ħarsien Ħondoq esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni dwar l-Ambjent tal-Knisja.
Fi stqarrija maħruġa minn Paul Buttigieg, kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Qala b’maġ ġoranza Nazzjonalista, li wkoll qiegħed joġġezzjona għal dan il-proġett, il-Moviment faħħar lill-Kummissjoni għal tali inizjattiva u rringrazzjaha għall-impenn tagħha favur il-Qalin u dawk li jiffrekwentaw din il-bajja. Il-Moviment awgura li tali stqarrija tiġi kkonsidrata b’im ħuħ miftuħin li japprezzaw ir-rapporti tekniċi li saru dwar il-ħsara li proposta bħal din se tħalli fuq il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u awgura wkoll li jittieħdu deċiżjonijiet li ma jkomplux jgħarrqu lil din il-bajja. |