SOS Hondoq News

Sunday, April 08, 2007

Aħna nafu x’ irridu jew le?

Pubblikata fuq t-Torca nhar l-Hadd 8 ta' April, 2007 minn Dun Lawrenz Theuma.

Nhar l-Erbgha, 28 ta’ Marzu, 2007 fil-ġurnal “In-Nazzjon” deher artiklu bl-isem: “Aħna nafu x’ irridu jew le?” miktub minn Euchar Mizzi.

Qabel nidħol għall-kummenti tiegħi u r-risposta dwar dan nagħmel mistoqsija lill-ħabib tagħna li kiteb l-artiklu u ngħidlu: Aħna nafu x’ qed ngħidu jew le? Din il-mistoqsija nagħmilha minħabba asserjonijiet konfliġġenti li nkitbu.

Nikkwkota: “Ejja ninsewhom dawk il-fabbriki li jħaddmulek 300 jew 400 ruħ meta mhux iżjed...” Imbaghad “.. ix-xogħol f’ Għawdex tkattar ukoll l-aktar fis-settur turistiku u dak indusrijali”. “ Dan apparti dawk kollha li tilfu l-impieg tagħhom mill-fabbriki u l-lukandi li għalqu...” Ma jagħmilx sens, li tgħid jagħlqu l-lukandi u l-fabbriki u jizdied ix-xoghol fl-istess setturi. Mhux hekk!

Niġu issa għall-mistoqsija. Nafu, nafu, x' irridu, mela ma nafux! Irridu xogħol bħama tixtieq int. Pero' hemm xogħol u xogħol. Xogħol bħal ma jddefinih il-qawl Malti: “Is-salmura tal-ġisem”; u xogħol, kif tħares lejh l-ILO flimkien ma' WHO , bħala l-kamla jew susa jew sadid, li f' qasir zmien, itemm lill-bniedem. Ma rridux xogħol li jtemm ħajjitna u ħajjet il-poplu tagħna. Wara nixhru għalxejn! Diġa l-esperjenza qarsa teħodna lura mindu beda jinqata' l-blat f'Ħondoq ir-Rummien għall-moll ta' l-Imġarr, fejn in-numru ta' mwiet bil-kanċer, fit-toroq nvoluti, minn xejn tela' b' mod tant allarmanti li mhux ta' min isemmih.

Familji sħaħ ilhom, sa minn dak iz-zmien, ma jistgħu jistgħu jiftħu bieb jew tieqa għat-triq. Xi drabi, wieħed lanqas ikollu ċans joħroġ jew jidħol li ma jimliex id-dar bid-dħaħen. Ma ninsewx li minn testijiet ufiċjali jirriżulta li dawn it-toroq huma b' arja, it-tieni l-iżjed imniġġsa f' Għawdex, b' livelli mhux aċċetti mill-kriterlji li titlob l-EU. Hawn hu s-sens ta' solidarjeta' li wieħed għandu jkollu mal-proxxmu tiegħu, u anke hawn intenni l-mistoqsija: Aħna nafu x' qed ngħidu jew le?

Issa ejjew nirraġunaw ftit bis-sens. Fost il-kapitali kbar li jinvolvu miljuni kbar ta' liri, mhux eskluż il-propost proġett f' Hondoq ir-Rummien. Ma għandi xejn kontra progetti kbar li joħolqu xogħol sostenibbli, dejjiemi u li ma jagħmlu l-ebda ħsara ambjentali u ma jkunux ta' detriment soċjali, mentali u fisiku, morali nħalluha barra. Din illum meta s-semmiha hemm min jidħak bik. Il-proġett tagħna, f' Hondoq ir-Rummien, jilħaqhom dawn il-kriterji. Ir-risposta, frott dak li ġarrabna, hi ċara. LE.

Hemm, ix-xogħol li ma jwassalx għal impiegi sostenibbi għat-tul taż-żmien. Iżda kull ma hu spekulazzjoni ħarxa ta' l-inħawi li huma fost l-isbaħ f' Malta u f' Għawdex. Hu immirat biss biex certi nies jagħmlu profitti kbar. Jeqred mhux biss l-ambjent naturali fejn wieħed jista' jaħrab il-ħitan li jdawruh u jistrieħ f' kuntatt man-natura, iżda saħansitra l-ambjent naturali, nadif, kwiet ta' raħalna, bit-traffiku li jiġġenera kemm waqt li jkun sejjer kemm wara li jieqaf, flimkien mat-tniġġis ta' l-arja, ħsejjes 'l fuq mill-kriterji sotenibbli u aċċetati mill-EU, flimkien ma inkonvejjenzi u perikli oħra. Irridulu dil-ħsara lill-poplu tagħna? Daqshekk qalbna taħraqna għalih?

Bl-iżvilupp tal-port ta' l-Imġarr u l-yacht marina fih, diġa tlifna żewġ bajjiet żgħar iżda sbieħ, il-Hawlija u ż-Żewwieqa. Dawn, min għadu joħlom li jmur jgħum fihom? Illum, min jixtieq li l-bajja f' Hondoq ir-Rummien jiġrilha l-istess? Fejn it-tfal u l-poplu tagħna jistgħu jieħdu l-mistrieh tagħhom? Nirristrinġuhom għal xi “swimming pool” jew aħjar, kif insejħulha u bil-malti u kif it-terminu verament ikun jixirqilha: pixxina? Aħna nafu x' qiegħdin ngħidu jew le? Poġġi l-qerda totali ta' l-ambjent naturali tal-bajja f' Hondoq ir-Rummien u tar-raħal tal-Qala, għal dejjem, bil-konsegwenzi li ġġib, f' keffa ta' mizien u l-ftit xogħol iġġenerat, verament limitat, fil-keffa l-oħra u saqsi, lil min jara lil hinn mill-ponta mnieħru, u ara x' igħid?

Paprata oħra li ħazżeż ħabibna hi fejn qal: “Pero', lanqas ma għandu jgħaddi xejn għax hekk jogħġob lil xi ħadd”. Ngħidlu: Trid tiċċajta? Iftaħ il-websajt http://soshondoq.blogspot.com u hemm issir taf li x-xi ħadd, li għandek fil-fantasija tiegħek, huma mijiet, joqorbu l-eluf. M' intix ser isir taf isimhom. Mela , le. Mela l-moviment irid jiftaħ sensiela ta' vendikazzjonijiet?

Ħabibna, weħlu ukoll ma' rasu l-ambjentalisti. Allaħares ma kienux huma għax kieku, illum, pajjizna hu ferm agħar milli hu u t-turiżmu diġa parpar kollu. Dawn qiegħdin, ġenorosament, jaqdu dmirhom sew. Aktar milli jifilħu qieghdin jagħmlu sforzi. Ħaqqhom prosit u nkoraġġiment mill-poplu Malti kollu. Kulħadd qed igawdi mill-frott tagħhom, aħmar u blu. Qal: “..Mingħajr ma jagħtu soluzzjoni għall-problemi li jqajmu huma stess”. Nerġa ntenni: Nafu x' qiegħdin ngħidu? Sabieħa din! Fejn qatt min jaħdem biex islava l-ambjent joħloq hu problemi ambjentali? Hallina tridx! Jew fejn qatt hu xogħol l-ambjentalisti li jagħtu soluzzonijiet, meta dawn jaqgħu taħt il-kompetenza tal-konsulenti u l-konsulenzi li jerdgħu l-miljuni mit-taxxi tagħna, li mbaghad l-kompetenza tagħhom tidher mill-frott li joħroġ minnhom, ibda, minn snin ilu, meta ngħata l-parir biex jaħslu in-nugrufun, f' Dar il-Mediterran, bix-xampu'.

U xi nghidu ghall-asserzjoni: "U x'jimpurtahom mill-imprenditur jekk hux sid il-post fejn qed jipproponi l-progett tieghu jew le?" Fejn sejjer b'rasu habibna. Kemm hawn zghazagh, kapijiet ta' familji, li ghandhombicca raba' u ma jistghux jibnuha biex ikollhom fejn joqoghdu. Xi dritt ghandu l-imprenditur izjed minn dawn l-imsejkna li l-propjeta' taghhom hi maqbuda fl-ODZ? Lil dawn habibna ma jithassarhomx?

Issemma ukoll ix-xogħol fil-kostruzzjoni u dak kollu li hemm marbut ma din l-industrija. Bir-rispett kollu lejn kull min jaħdem f' dan is-settur, nistqarr li dan is-setteur hu delikat ħafna. Meta tqis ic-cokon ta' gziritna, mhux ta' kemm wieħed iħeġġeġ iż-żieda ta' l-impeigi f' dan is-settur. Diġa qiegħdin narawh qabad ritmu iżjed mgħaġġel u sta għall-mexxeja ta' pajjiżna li fil-ġejjieni ma joħloqx problemi kbar socjali, sanitarji, familjari, komunitarji kif ukoll individwali.

“Ma hemmx dubju li l-politika tilgħab il-parti tagħha ukoll”, kellu l-kuraġġ jikteb il-ħabib tagħna. Hawn nistaqsih: Il-politika għandha tidħol fejn jidħol l-ambjent, saħħet il-poplu, u l-ħajja aħjar tal-poplu kollu? Min deffes il-politika fil-kwistjoni ta' Hondoq ir-Rummien? Il-Moviment Harsien Homdoq, fil-qawmien tiegħu avviċina lil nies minn kull settur politiku. Minn kull naħa kien hemm respons tajjeb, izda meta nbagħad beda it-tfesfis u l-intimidazzjoni fil-widnejn, bir-raġun, l-affarijiet bdew jinqalbu. Ara taħseb li din kienet xi vittorja! Il-poplu għad jiftaħ għajnejħ u jintebaħ min iridlu l-veru ġid u min jinqeda bih għall-iskopijiet partiġjani u personali tiegħu.

“Proġetti li ftit ta' żmien ilu kienu fil-programm elettorali tat-tali partit u allura kienu mija, fil-mija favur, issa saru kopletament kontra dawn il-progetti, jew xi uħud minnhom”, kompla jikteb ħabibna. Ma nafx għal liema proġġetti qed jirreferi, imma zgur wieħed minnhom hu dak ta' Hondoq ir-Rummien. F' dan ir-rigward hu ta' unur għall-Partit Laburista li wara li qies u għarbel l-volonta' tal-poplu tal-Qala espressa kemm individwalment, kemm f' referendum b' vot assolut ta' 84.5% kontra l-progett, li Dr. Alfred Sant ddeċieda li ma jirromblax fuq xewqet il-poplu u saħħtu. Dr. Sant mzejjem b'sens ta' umanita' fehem tajjeb it-tbatijiet u l-inkonvenjenzi li hemm lesti, wara da il-proġett, għall-poplu tal-Qala. Ma nibzax, hawn pubblikament, f' ismi, isem il-familja tiegħi u l-Qalin ta' rieda tajba, nirringrazzjah. Grazzi Dr. Alfred Sant. Verament ħassejt il-polz tagħna. Grazzi.

Ħaddieħor baqa', bil-poter f' idejh, jinsisti li jirrombla fuq id-deċiżjoni tal-poplu. Ma hemmx agħar, minn meta l-poplu jagħżel mexxej u dan jitbiegħed minn dak li jħoss il-poplu b' detriment ta' saħħet l-istess poplu. L-ambjentalisti Qalin jafu x' qiegħdin jagħmlu, jafu sew x' iridu, jafu x' ħaddieħor qiegħed igħid u x' qieghed jaħbi. Hemm bżonn li l-Qalin ma jħallux min ikisser dak li għandna u jitfa' lilna u lill-generazzjonijiet kollha ta' warajna f' rovina rreversibbli.

Dun Lawrenz Theuma
Qala.