SOS Hondoq News

Friday, October 13, 2006

Il-progett “Qala Creek” f’Hondoq ir-Rummien: Bdil fil-Pjan Lokali biex jigi agevolat l-izviluppatur?

Pubblikat fuq l-Orizzont nhar t-13 ta' Ottubru, 2006 minn Brandon Pisani.

F’temp ta’ erba’ snin – wara li l-poplu tal-Qala kien qal “le” ghall-progett – il-Pjan Lokali ghal Hondoq ir-Rummien inbidel kompletament. Sorsi minn Ghawdex qalu lil l-orizzont li x’aktarx li dan il-bdil sar biex jigi agevolat l-izviluppatur u b’hekk ikun jista’ bla xkiel ta’ xejn jizviluppa Hondoq ir-Rummien f’post turistiku.

Harsa lejn iz-zewg pjani lokali li jinsabu f’idejn l-orizzont jirrizulta li hemm “bahar jaqsam” bejn dak li kien hemm miktub fl-2002 u dak li hemm miktub fil-pjan ta’ din is-sena. Iz-zewg pjani lokali bin-numru GZ-Qala-4 jghidu li l-barriera li hemm f’Hondoq ir-Rummien ilha s-snin li waqfet topera u l-attività ta’ skavazzjoni halliet gerha li hija vizibbli minn Kemmuna u anke waqt il-vjaggi tal-vapuri ta’ Ghawdex.

Skond il-Pjan Lokali GZ-Qala-4 ta’ l-2002, “75 fil-mija tas-sit ghandu jkun afforestat skond il-provizjonijiet tal-‘Guidance on Planting’. Il-bqija tas-sit ghandu jkun integrat skond l-ambjent ta’ madwar, bil-postijiet tas-sit ikunu accessibbli b’facilitajiet ghall-pubbliku.


Izda skond il-Pjan Lokali li kien approvat fl-2006 – il-GZ-Qala-4 ukoll – jinghad fih li numru ta’ proposti gew sottomessi ghall-izvilupp ta’ dan is-sit u li “zvilupp turistiku u marittimu ghandu jkun ikkonsidrat mill-MEPA ghal dan is-sit”.

L-istess sorsi qalu lil l-orizzont li dan kollu juri kemm kollox qieghed jitpogga fuq platt tal-fidda ghall-izviluppatur halli ma jkunx hemm problemi biex il-permess tal-MEPA jinhariglu.

Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, meta kkuntattja lil l-orizzont, xtaq jiccara xi punti wara r-rapport li deher nhar it-Tlieta ntitolat “Il-Kunsill tal-Qala u l-progett f’Hondoq ir-Rummien – Qbil…basta b’kuntratt notarili”. Qal li l-Kunsill “qieghed dejjem jikkummenta li jekk jigi approvat il-permess isir kuntratt notarili peress li l-policy tad-‘Draft Local Plan’ inbidlet u minn afforestazzjoni u riabilitazzjoni tal-barriera, giet li ghandu jigi kkunsidrat il-bini ta’ zvilupp turistiku u marittimu.”

Paul Buttigieg ikkummenta li “mhu veru xejn li ahna qeghdin naqblu mal-progett basta jsir kuntratt. Il-kuntratt notarili jsir biss jekk jigi approvat il-permess u dan biex nissalvagwardjaw dak li fil-pjanti jidher li se jibqa’ ghall-uzu tal-pubbliku. Dan qieghed isir biex fil-futur hadd ma jiehu dak li llum qieghed jintuza mill-pubbliku. Il-Kunsill Lokali, fis-sottomissjonijiet tieghu wera bic-car li mhux jaqbel mal-pjanti kif proposti ghax il-progett ghadu kbir hafna u ghad baqa’ lok li jiccekken.”

Fir-rapport li l-orizzont ippubblika nhar it-Tlieta, qatt ma ghedna li l-Kunsill irid jiffirma kuntratt notarili qabel isir il-progett, izda ghidna li “fir-rapport tieghu, il-Kunsill tal-Qala qieghed jesigi ghal diversi drabi li ghandu jkun iffirmat kuntratt notarili bejn il-Kunsill u l-izviluppatur biex dan il-progett – meta jigi approvat – ma jikbirx iktar milli huwa ppjanat li jsir.”

Iktar ’l isfel fir-rapport ktibna li “l-Kunsill tal-Qala, fis-sottomissjonijiet tieghu lill-MEPA jitkellem dwar il-Bajja ta’ Hondoq ir-Rummien. Il-Kunsill jispjega li jekk jigi approvat dan il-progett jew xi parti minnu, ghandu “jsir kuntratt bejn l-izviluppatur u Kunsill Lokali li din il-bajja qatt u qatt ma tista’ tigi tal-privat, liema kuntratt isir ghand nutar.”

B’dan il-kuntratt l-orizzont kien qal li l-izviluppatur ikun marbut li qatt ma jista’ jaghmel uzu jew jiehu min jeddu, jew jitlob ghal zvilupp addizjonali f’din l-arja minghajr il-kunsens taz-zewg firmatorji. B’hekk iz-zewg partijiet ikunu qed jintrabtu li f’ebda hin u fl-ebda perjodu ma jista’ jsir zvilupp jekk mhux bil-kunsens taz-zewg partijiet u wara li jingiebu l-permessi necessarji.”

Paul Buttigieg, is-Sindku tal-Qala, zied jghid li “l-Kunsill Lokali baqghalu riservi kbar fuq il-jott-marina. Il-Kunsill ghadu mhux konvint b’jott marina vicin il-bajja ta’ Hondoq ir-Rummien, jaghmilha min jaghmilha.”

Huwa zied jghid li “bhala Kunsill Lokali ninsabu preokkupati mmens dwar il-problema tat-toroq u minn fejn se jghaddu l-ingenji kbar u zghar u ghalhekk, dejjem jekk jigi approvat il-progett, il-Kunsill Lokali qieghed jesigi li ssir triq gdida biex it-traffiku kollu relatat mal-progett, kemm waqt kif ukoll wara li jitlesta, ma jghaddix mic-centru tar-rahal. Tlabna wkoll li jintuzaw il-‘barges’ ghat-trasport tal-materjal. Insostni li f’ebda hin ma ghedna li naq-blu mal-progett, anzi totalment qeghdin nghidu bil-kontra.”

Is-Sindku fakkar lil l-orizzont li wara r-referendum li sar erba’ snin ilu “il-Kunsill Lokali tal-Qala ghadu ma hareg l-ebda stqarrija ufficjali ohra ghax dak li ghamel kien li ressaq is-sottomissjonijiet tieghu biex jigu nkluzi fit-‘terms of reference’ ta’ l-EIA u allura dak li kien jghodd erba’ snin ilu, ghadu jghodd sal-lum.

Il-Kunsill lest li johrog stqarrija wara li jkun lest l-EIA u wara li jkun ikkonsulta mar-residenti Qalin b’dak li gie nkluz fl-EIA.

“Ghalhekk tajjeb li jigi ccarat li l-pozizzjoni tal-Kunsill tal-Qala hija li ghalkemm il-progett iccekken, dan xorta ghadu kbir u esagerat. F’kelma wahda, il-Kunsill Lokali mhux jaqbel mal-pjanti sottomessi. Barra minnhekk, fid-dawl tal-bdil tal-Pjan Lokali u allura jekk jinhargu l-permessi ghal dan l-izvilupp, ahna bhala Kunsill irridu nissalvagwardjaw l-interess tar-residenti Qalin billi dak li llum hu tal-poplu u ghall-uzu tal-poplu, almenu jibqa’ tal-poplu.

Wara pariri li hadna, irrakkomandajna biex isir kuntratt notarili bejn il-Kunsill Lokali u l-izviluppatur u dawk iz-zoni li llum jintuzaw mill-pubbliku, jibqghu tal-pubbliku,” temm jghid Paul Buttigieg.

Il-progett propost tal-‘Qala Creek’, skond l-izviluppaturi ‘Gozo Prestige Holidays’, se jkun jiswa 72 miljun Ewro, jigifieri madwar tmien miljun Ewro inqas milli kien se jiswa erba’ snin ilu.

Skond l-izviluppaturi, l-art fejn se jsir il-progett hija taghhom u tkopri 107,597 metru kwadru. Huma qalu li se jizviluppaw 56,880 metru kwadru mill-barriera ta’ Hondoq. L-izviluppaturi qalu li jekk il-permess tal-MEPA johrog din is-sena stess, huwa mahsub li l-iskavar mistenni jdum bejn 15-il xahar u 18-il xahar, waqt li x-xoghol kollu mistenni jdum erba’ snin sa l-ahhar ta’ l-2010.

Iz-zona tal-progett “Qala Creek” hija bejn l-inhawi maghrufin bhala “Ta’ l-Ghassa” fil-Lvant tal-barriera u bejn l-inhawi maghrufin bhala “Ta’ Kordina” fit-Tramuntana tal-barriera. Iz-zona tkopri wkoll l-inhawi ta’ “Hondoq ir-Rummien Gorge” u “Hondoq ir-Rummien Valley” fil-Punent u n-Nofsinhar tal-barriera rispettivament.

Jidher ukoll li fil-progett il-“gdid” intlahaq ftehim ukoll dwar il-“Kappella tal-Madonna tal-Blat” li tinsab fl-istess zona. Din il-kappella nghatat lill-Parocca tal-Qala u giet inkorporata wkoll fil-progett.

Ta’ min ifakkar li bejn il-15 u s-17 ta’ Novembru tas-sena 2002, il-Kunsill Lokali tal-Qala organizza referendum konsultattiv ghall-Qalin biex jivvotaw jekk humiex favur jew kontra l-progett “Qala Creek”.

Dak iz-zmien, ghal dan ir-referendum kienu hargu jivvotaw 966 (74.4 fil-mija) minn 1,298 resident fil-Qala li kienu elegibbli ghall-vot.

Minn dawn, 806 (84.5 fil-mija) ivvotaw kontra li jsir il-progett, waqt li 148 (15.5 fil-mija) ivvotaw favur il-progett. Kien hemm biss 12-il vot invalidu.

bpisani@unionprint.com.mt