SOS Hondoq News

Monday, October 31, 2011

Talba lill-MEPA biex tirrifjuta applikazzjoni ġdida għal ħondoq

Pubblikata fuq t-Torca nhar l-Hadd 30 ta' Ottubru, 2011 minn Charmaine Craus.

Diversi għaqdiet ambjentali għamlu sejħa kollettiva lill-MEPA biex tirrifjuta applikaz-zjoni ġdida li saret mill-Qala Creek Developers biex Ħondoq ir-Rummien jinbidel fi ‘swimming lagoon’.

Wara l-oppożizzjoni qawwija kontra l-iżvilupp propost għal Ħondoq ir-Rummien, li kien jikkonsisti f’lukanda ta’ ħames stilel kif ukoll numru ta’ vilel u appartamenti madwar yacht marina, l-iżviluppaturi ta’ dan il-proġett ippre- żentaw pjanti ġodda li fihom ineħħu l-yacht marina u min-flokha jagħmlu ‘swimming lagoon’
.
L-għaqdiet Moviment Ħarsien Ħondoq, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, FOE, Malta Ramblers Association, NatureTrust, GUG, Din L-Art Ħelwa u Wirt Għawdex studjaw ir-rapport tal-‘environmental impact statement’ tal-2009 li fih l-iżviluppaturi stess jiddikjaraw li l-proġett ibati jekk ikun żviluppat f’lukanda waħedha.

L-iżviluppaturi jisħqu li huwa ta’ tħassib li jkollok kmamar żejda iktar mid-domanda u għalhekk biex lukanda jkollha suċċess trid tagħmel parti integrali minn proġett imdawwar bi bżon-nijiet bħal yacht marina, restoranti li jagħmluha differenti minn lukandi oħra. Fil-fatt, hemm miktub li l-lukanda tiddependi mid-domanda ġġe-nerata minn partijiet oħrajn tal-proġett.

Interessanti l-fatt li meta jiġi biex jiddiskuti d-dħul finanzjarju minn dan il-proġett, ir-rapport tal-2007 jgħid li l-lukanda waħedha mhijiex vijabbli, iżda biex tirnexxi trid tkun tifforma parti minn kumpless ikbar li jiġbed interess mir-residenti fil-lukanda. Mill-banda l-oħra, fir-rapport tat-2009, inbidel xi kliem iżda t-tifsira baqgħet l-istess. Fl-2009 l-iżviluppaturi nfushom ma qisux il-lukanda vijabbli mingħajr il-marina.

L-għaqdiet ambjentali qalu fi stqarrija li ma jistgħux jifhmu kif l-iżviluppaturi se jeliminaw il-marina u xorta jsostnu li l-kumpless jibqa’ sostenibbli finanzjarjament kif miktub fl-Environment Impact Assessment. Il-ħruġ ta’ pjanti ġodda juri biċ-ċar li l-iżviluppaturi għandhom f’moħħhom li jkomplu jagħfsu fuq dan ir-riskju kummerċjali mingħajr ma jagħtu kas tal-impatt soċjali li se jħalli dan il-proġett, minkejja l-fatt li kemm il-komunità tal-Qala kif ukoll il-pubbliku in ġenerali wrew bil-qawwa kollha li huma kontra dan il-proġett.

Għaldaqstant l-għaqdiet ambjentali talbu lill-MEPA biex tirrifjuta dan il-proġett u treġġgħu lura għall-pjan oriġinali ta’ park naturali.