SOS Hondoq News

Sunday, October 23, 2011

L-iżviluppatur ibiddel il-pjanti

Pubblikat fuq l-Orizzont minn Victor Vella.

Il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien

L-iżviluppaturi tal-proġett f’Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex, iddeċidew li jirrevedu u jagħmlu tibdil fil-pjanti tal-proġett. Għalkemm mhux magħruf x’inhu l-għan għal dan it-tibdil fil-pjanti, kollox qed jindika li dan sar bil-għan li l-proġett ikun inqas kontroversjali f’għajnejn l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Jidher li l-Kunsill Lokali tal-Qala kien informat b’dan it-tibdil u dan iltaqa’ fl-aħħar jiem fejn iddiskuta dan il-fatt. Jidher li l-Kunsill Lokali kiteb lill-MEPA biex jintbagħtu l-pjanti tat-tibdil li sar.

Ftit tal-ġimgħat ilu, id-Direttorat tal-Protezzjoni għall-Ambjent fi ħdan il-MEPA rrakkomanda li l-proġett propost fil-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, għandu jiġi rrifjutat u ma jinħariġx il-permess għalih. Il-proġett jinkludi żvi­lupp sħiħ ta’ binjiet u vilel, kif ukoll jott marina.

Dwar dan il-proġett, seba’ għaqdiet ambjentali qegħdin jiċċirkolaw petizzjoni li fiha jesprimu l-apprezzament tagħ­hom li d-Direttorat irrakko­manda rifjut tal-applikazzjoni. L-għaqdiet huma Moviment Ħarsien Ħondoq, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers Association, Nature Trust, FOE Malta, Din l-Art Ħelwa, u Wirt Għawdex. Il-petizzjoni titlob li jiġi salvat il-post u li dan jibqa’ jitgawda mill-poplu Malti.