SOS Hondoq News

Saturday, September 17, 2011

Qed nistennew deċiżjoni definita

Ippublikat fuq l-Orizzont nhar s-Sibt 17 ta' Settembru, 2011.

Aħna l-Għawdxin aktar minn kulħadd iddejjaqna nistennew deċiżjoni finali dwar il-proġett li ġie propost għall-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Spiċċajna mingħand Kajfas għal għand Pilatu. Daqqa skuża u daqqa oħra u ż-żmien dejjem għaddej, u l-iżviluppaturi għadhom jittamaw li jekk mhux mill-bieb jgħaddu mit-tieqa.
Mingħand direttorat għall-ieħ­or, kumitati u rapporti kontra xulxin, u leħen il-poplu Għaw­dxi u l-għaqdiet ambjentali jidher li mhux għoli biżżej­jed biex jinstema’ darba għal dejjem u jaslu għal deċiżjoni finali.
Dan l-aħħar dan il-proġett li ġie propost għal Ħondoq ir-Rummien reġa’ telgħa fl-aħbarijiet. Id-direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali tal-MEPA qal li dan il-permess għandu jiġi rrifjutat.Intqal li dan il-post għandu jibqa’ ħieles anke minn żvilupp żgħir.
U l-proġett mhux wieħed żgħir. Jinkludi lukanda, vilel, ħwie­net, marina u ma nafx kemm affarijiet oħrajn. Mela la issa għandna l-ordni ta’ dan id-derettorat biex jiġi rrifjutat il-permess, hekk għandu jsir.
Ma jistax ikun li minn kull deċiżjoni nibqgħu nappellaw u nfettqu. Jekk is-serp ma taqtalux rasu jibqa’ jferfer, jgħidu.Kien pass ’il quddiem li l-proġett tal-vilel li kien hemm propost fl-inħawi tar-Ramla l-Ħamra ġie rrifjutat. U hekk ukoll għandu jsir f’dan il-każ.
Li storja tal-Ħondoq daret id-dinja. Min ma kienx jaf b’din il-bajja sabiħa u popolari mal-familji żgur li żarha u sar jaf biha.
Li tiżviluppa l-bajja b’aktar ramel u xi attrazzjonijiet u bżon­nijiet oħrajn, bħalma hu parkeġġ adattat għandna ngħam­luhom. Imma bis-saħħa ta’ dan m’għan­dniex nagħmlu dak li jridu jagħ­mlu l-investituri.
Din mhix kwistjoni t­a’ investi­ment. Mhix kwistjoni li mal-lukanda u l-vilel se jaħdmu l-Għaw­dxin. Dawn skużi li jintu­żaw minn dawk li jkunu li jridu tgħaddi tagħhom.
Il-Ħondoq għandu jitħalla ħieles biex jitgawda kif qed isir, mhux biss mill-Qalin imma wkoll minn ħafna Għawdxin, kif ukoll minn familji Maltin.Ħsara lill-ambjent Għawdxi sa­ret u din mhix żgħira.
Wasal iż-żmien li kif bdejna nagħmlu fil-każ tar-Ramla l-Ħamra nagħmlu ma’ kull proġett simili li jispiċċa biex ikompli jnaqqar mill-ambjent naturali ta’ Għawdex.
Naħsbu li meta l-korp tal-MEPA bħalma hu d-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali jagħ­­mel rakkomandazzjoni wie­ħed għandu jagħti każ tar-rakkomandazzjoni tiegħu bis-serjetà.
Il-Qalin, għax fl-aħħar mill-aħħar jekk isir il-proġett huma se jbagħtu l-aktar il-konsegwenzi, ma jistgħux jitħallew imdendlin b’qalbhom ittaqtaq li minn ġurnata għall-oħra tista’ titfaċċa sitwazzjoni fejn jitilfu l-bajja tal-Ħondoq.
Żmien għadda biżżejjed. Ma nafux x’baqgħalu jinqala’ biex ikollna deċiżjoni finali. Il-MEPA jekk trid issewwi xi ftit mill-ħsara ambjentali li sa­ret f’Għawdex matul dawn l-aħħar snin għandha tieħu de­ċiżjoni malajr, li tirrifjuta darba għal dejjem dan il-proġett li xejn m’huwa wieħed popolari mal-Għawdxin u l-ambjen­talisti.