SOS Hondoq News

Wednesday, June 09, 2010

Il-Qalin jistgħu jitilfu t-tmexxija ta’ raħalhom

Pubblikat fuq it-Torca nhar l-Hadd 6 ta' Gunju, 2010 minn Victor Vella.

L-antropologu Olandiż Jeremy Boissevain, li ilu jistudja l-ħajja soċjali f’Malta għal dawn l-aħħar ħamsin sena, ħejja rapport dwar l-effett soċjoloġiku li l-proġett massiċċ propost għal Ħondoq ir-Rummien jista’ joħloq fost l-Għawdxin b’mod partikolari r-residenti tal-Qala.

Waqt li jikkritika fuq diversi fronti l-istudju soċjali li sar mil-Professur Mario Vassallo, Jeremy Boissevain jgħid b’mod ċar li proġett propost jekk isir jista’ faċilment joħloq tensjoni soċjali u jista’ anke jwassal biex il-Qalin jirriskjaw it-tmexxija ta’ raħalhom billi se tiżdied bil-kbir il-popolazzjoni ta’ barranin fil-Qala, fatt li ġara f’ċerti żoni fi Spanja.

Boissevain, fir-rapport li ħejja flimkien ma’ Steven Vella, jgħid li r-rapport soċjoloġiku li ġie ppreżentat fil-laqgħa pubblika li saret fil-Qala fl-aħħar jiem, jassumi li hemm żewġ fatturi li ġew intervistati u dawn huma it-tlett irħula viċin Ħondoq ir-Rummien – jiġifieri l-Qala, in-Nadur u Għajnsielem, u l-fattur l-ieħor hu l-bqija ta’ Għawdex. Boissevain fir-rapport tiegħu jgħid li; “hu żball soċjali u kulturali li titfa’ l-Qala maż-żewġ irħula l-oħra. Dan għax il-Qala mhix raħal li hi ġar tal-proġett. Għall-kuntrarju, il-proġett propost f’Ħondoq ir-Rummien se jsir fil-Qala u f’art li taqa’ taħt il-parroċċa tal-Qala u taħt l-istess kunsill lokali tal-Qala. Ħondoq ir-Rummien, għall-ħames sekli sħaħ ifforma parti mir-riżorsi ekonomiċi u rikrejattivi tal-Qala. Ħondoq ir-Rummien hu parti mill-identità tal-villaġġ tal-Qala u għalhekk hu parti mill-wirt kulturali tagħhom”.

Boissevain jgħid li; “anki dawk li qegħdin jipproponu dan il-proġett jaċċettaw li dan se jkun fil-Qala, u fil-fatt huma jissuġġerixxu li l-arkitettura fil-jott marina jridu jagħmluha b’tali mod li tidher li hi parti mill-villaġġ tal-Qala. In-Nadur u Għajnsielem, soċjalment u kulturalment huma villaġġi ġirien”.

L-antropologu Olandiż joġġezzjona ukoll għall-mod kif sar l-istħarriġ fost residenti mill-Qala, Għajnsielem u n-Nadur. “Biex nassessjaw il-konklużjonijiet li jasal għalihom ir-rapport preżentat fil-laqgħa pubblika, irridu nkunu nafu kemm ġew intervistati residenti u kemm ħadet ħin kull intervista. Rajna l-mistoqsijiet li staqsewhom, iżda ma rajniex l-impressjonijiet artistiċi li urew lir-residenti. L-impressjonijiet artistiċi jistgħu faċilment jagħtu stampa żbaljata, meta juru rappreżentazzjonijiet viżwali”.

F’Ħondoq ir-Rummien hu propost li jkun hemm akkomodazzjoni għal 1,500 persuna, f’barriera mhix użata. Il-proġett ta’ ‘Qala Creek’ se jkun jikkonsisti f’170 kamra f’lukanda, 25 villa, 60 appartament ‘self catering’, 200 residenza u post għal 150 jott fil-marina.

Fl-aqwa tal-istaġun, hu previst li l-popolazzjoni tal-Qala tirdoppja, hekk kif il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien hu mistenni li jilqa’ fih xejn inqas minn 1,500 resident.

Dan il-proġett massiċċ se jkompli jżid il-konġestjoni fuq it-toroq dojoq tal-inħawi u problemi ta’ parkeġġ.

Il-konsegwenzi ta’ iffullar eċċessiv f’din iż-żona – minħabba influss ta’ nies ġodda, f’żona li tintuża għal skop rikrejattiv mill-Għawdxin, tista’ twassal għal tensjoni severa bejn l-Għawdxin u l-barranin.

Jgħid li dan l-iffullar jista’ jwassal għall- vjolenza, speċjalment fuq il-problema tal-parkeġġ. In-nuqqas ta’ spazzju għall-parkeġġ f’Ħondoq ir-Rummien ma kinitx indirizzata b’mod realistiku fir-rapport tal-Prof Mario Vassallo.



Barranin bi sfont soċjali differenti



Fir-rapport soċjali tiegħu, Jeremy Boissevain jgħid li “l-iżviluppaturi bir-reklamar li se jagħmlu se jkunu qegħdin jimmiraw li barranin b’mezzi finanzjarji tajbin biex jixtru l-proprjetà f’Ħondoq ir-Rummien. Apparti dan bil-’casino’ – li hu inkluż fil-pjani, l-iżviluppaturi qegħdin jittamaw li jattiraw klijenti imdaħħlin fis-suq tal-logħob kemm Maltin kif ukoll barranin. Dan se jwassal biex fil-komunità tal-Qala se jmorru nies bi sfont soċjali li hu radikalment differenti minn dak li huma imdorrijin bih ir-residenti tal-Qala. Ir-riżultat se jkun dak ta’ bdil fit-taħlita soċjali, bil-potenzjal li jkun hemm tensjoni soċjali. Ir-rapport soċjali tal-Professur Vassallo jgħid li aktarx li mhux se jkun hemm tensjoni soċjali għax Malta għandha storja ta’ kif tilqa’ l-kulħadd.”

Boissevain jgħid li l-possibilità ta’ tensjoni soċjali hi problema potenzjali u reali u hemm bżonn li tkun indirizzata.



Konsum ta’ enerġija enormi



Ir-rapport imħejji minn Jeremy Boissevain jgħid li “aħna tal-opinjoni li proġett propost li se jkun f’barriera li qiegħda tħares lejn in-nofsinhar – kennija mill-irjiħat fis-sajf, hi stramba peress li se jkun hemm ftit ċirkulazzjoni ta’ arja friska mill-baħar. Dan se jfisser li fiż-żona tal-proġett se jkun hemm temperaturi għoljin fis-sajf, u għalhekk se jkun hemm bżonn l-użu kontinwu tal-apparat tal-arja kundizzjonata. Dan se jkollu effett negattiv sinjifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja kemm ta’ dawk li jkunu jgħixu fiż-żona u fuq l-ambjent inġenerali,minħabba konsum enormi tal-enerġija”.



Mhux minnu li l-Qalin għoġbuhom partijiet mill-proġett



Jeremy Boissevain u Steven Vella, jitrattaw ukoll l-istħarriġ li sar fost l-Għawdxin mill-Profs Vassallo.

Isostnu li mill-istħarriġ li sar fost l-Għawdxin u fost in-nies tan-Nadur, Għajnsielem u l-Qala, ħareġ li Ħondoq ir-Rummien hu popolari ħafna mal-Għawdxin. Parti sostanzjali mill-popolazzjoni hi mħassba fuq l-impatt li l-proġett propost se jkollu fuq iż-żona rikrejattiva. Fl-intervisti mar-residenti dawn ġew mistoqsijin x’jafu dwar il-proġett u x’inhuma l-preokupazzjonijiet tagħhom. Mir-riżultati ħareġ li l-Qalin, tan-Nadur u ta’ Għajnsielem kienu aktar preokkupati minn nies oħra f’Għawdex.

Dwar il-fatt li r-rapport soċjoloġiku tal-Professur Mario Vassallo jgħid li meta dawk li huma preokkupati intwerew impressjoni artistika, kien hemm persentaġġ ta’ nies li bdew jogħġubhom ċerti aspetti tal-proġett.

Boissevain fir-rapport tiegħu jgħid li “din l-informazzjoni ingħatat biex tirribatti l-argumenti ta’ dawk li jikkontribwixxu f’SOS Hondoq blogspot.com. Minn analiżi dettaljata tal-istħarriġ li sar, jirriżulta li hu minnu li kien hemm xi wħud li meta raw l-impressjoni artistika beda jogħġobhom il-proġett, imma din m’hix preżenti u qawwija daqs kemm isostni r-rapport tal-Professur Vassallo.

“Din lanqas ma tgħodd għall-Qalin. Fil-fatt il-Qalin, aktar bdew jaraw il-proġett b’mod negattiv meta huma intwerew l-impressjoni artistika tal-iżvilupp. Din tidher b’mod ċar mill-konklużjonijiet tal-istħarriġ. Per eżempju meta r-residenti tal-Qala intalbu l-ewwel opinjoni tagħhom fuq il-villel, 53.8 fil-mija qalu li ma jaqblux mal-idea. Meta intwerew l-impressjoni artistika, 70 fil-mija tar-residenti wieġbu li m’għoġbuhomx. Anki fejn jidħol l-iżvilupp ta’ 200 appartament, l-opinjoni negattiva żdiedet minn 40 fil-mija għal 70 fil-mija. Hi kurjuża kif l-opinjoni negattiva fuq il-lukanda niżlet minn 57.4 fil-mija għal 54 fil-mija, meta raw l-impressjoni artistika”.

Jgħid li anki fuq il-jott marina, waqt li 47 fil-mija tal-Qala intervistati qalu li ma jaqblux magħha, din telgħet għal 54 fil-mija meta intwerew l-impressjonijiet artistiċi.

Dwar il-parkeġġ jissemma’ li se jkun propost parkeġġ taħt l-art li se jkun jesa’ madwar 90 karozza.

“Il-kunsill lokali tal-Qala għandu riservi serji fuq il-parkeġġ b’mod partikolari fuq il-fatt li dawn huma ftit għax-xhur tas-sajf. Is-suġġeriment li sar fir-rapport tal-Professur Vassallo, li l-problema tal-parkeġġ tista’ tiġi indirizzata b’mod ħafif b’diskussjonijiet mal-kunsill tal-Qala, inqisuha bħala ottimista ħafna. Il-kunsill lokali għandu jikkummenta fuq din” jgħid Boissevain.



Inġinerija soċjali?



L-antropologu Jeremy Boissevain fir-rapport tiegħu jitkellem dwar l-ambjent soċjali li se jkun hemm fil-proġett, b’mod partikolari dwar il-punt fejn il-Professur Vassallo jgħid li se jkun hemm element ta’ inġinerija soċjali biex dawk li jgħixu fil-villaġġ propost jintegraw ma’ xulxin.

Boissevain jgħid li “hi dubjuża ħafna l-abbiltà tal-iżviluppaturi li jagħmlu inġinerija soċjali. Inqisuha bħala li ma tantx jista’ jkun li l-iżviluppaturi ma jbiegħux proprjetà lil xi ħadd li jkollu flus, sempliċiment għax ma jkunx konformi mal-aspett soċjoloġiku korrett.

“Hi probabbilità li l-proprjetà tinbiegħ fuq ‘first come first served’. Il-Professur Vassallo fir-rapport tiegħu u b’mod korrett jipponta lejn problema ta’ sigurtà potenzjali. Biss fir-rapport tiegħu, hu imkien ma jikkonsidra li l-1,500 resident ġdid se jaffettwaw l-abbiltà tal-familji tal-Qala li jmorru jirrikrejaw ruħhom fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din se taffettwa b’mod serju u negattiv is-solidarjetà tal-kommunità, wieħed mill-elementi essenzjali fil-komunità tal-Qala. Naraw li jista’ jkun hemm tensjoni, b’mod partikolari jekk l-iżviluppaturi jilħqu l-mira tagħhom li 70 fil-mija ta’ dawk li jgħixu fil-proġett ikunu barranin. Din it-tensjoni tista’ anki twassal għall-tensjoni politika b’mod partikolari fejn jirrigwarda in-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti għal manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi viċin il-proġett. La ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li jivvutaw f’elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, dawn jistgħu jwasslu biex jisfidaw l-istrutturi preżenti. F’ċerti żoni fi Spanja, barranin li kienu rrabjati għall-politika tal-kunsill lokali fejn kienu jgħixu, wasslu biex dawn irnexxielhom jokkupaw siġġijiet importanti fl-istess kunsilli”.

Ir-rapport minn Boissevain u Vella jgħid li l-Professur Vassallo hu ħafna ottimistiku li ma jkunx hemm tensjonijiet, imma din hi xi ħaġa li tista’ tiġri u fil-fatt ġrat anki fi Spanja.



Is-servizzi għall-proġett...min se jieħdu ħsiebhom?



Jissemma’ kif fi proġett bħal dan hemm diversi servizzi li jridu jkunu fil-post fosthom post fejn jinżamm l-iskart, playgroung, ħwienet, ċentru reliġjuż u oħrajn. Ir-rapport ta’ Boissevain jgħid li dawn huma kkunsidrati bħala elementi essenzjali biex ikun hemm komunità vijabbli. Ir-rapport tal-Professur Vassallo jisħaq li l-iżviluppatur għandu jħallas għal dawn. Boissevain jgħid li “l-kunsill approva dan u min se joħroġ il-fondi?”.

Boissevain jgħid li “li hemm nieqes hu dak li l-iżvilupp propost se jkun parti minn żona li għaliha hu responsabbli l-kunsill lokali tal-Qala. Għalhekk il-kunsill irid jaraw is-servizzi pubbliċi għal 1,500 resident. Fost dawn is-servizzi għandhom tindif tat-toroq, ġbir ta’ skart, u kontroll tat-traffiku fost oħrajn. Nistaqsu – il-kunsill lokali aċċetta li jkun hu li jorganizza dawn is-servizzi, u l-ispiża addizzjonali li hi involutà?”.



Id-djoċesi kontra, l-arċipriet sieket



Sorsi qrib id-Djoċesi ta’ Għawdex, matul din il-ġimgħa f’kuntatt li għamlu mat-Torċa qalulna li “d-Djoċesi u membri tal-kleru waslulhom ħafna ilmenti dwar il-proġett. Il-knisja f’Għawdex hi mħassba bil-proġett imma l-art inkwistjoni ma’ kinitx tal-knisja imma ta’ ordni reliġjuż.

“Nafu li uffiċjali għoljin fid-djoċesi t’Għawdex huma kontra l-proġett, imma ma jħossux li l-mument hu wieħed opportun jitkellmu.”

Residenti Qalin qegħdin jistaqsu x’inhi l-pożizzjoni tal-Arċipriet tal-Qala, Dun Joe Zammit, li baqa’ sieket fuq dan il-proġett.

Fi kliem residenti mill-Qala, l-atteġġjament tiegħu jikkuntrasta bil-kbir ma’ kif mexa l-eks Arċipriet Dun Anton Refalo, li kien tkellem u kkritika l-proġett fil-pubbliku. Dun Anton Refalo kien anke ikkritika lill-Agostinjani għal-bejgħ tal-art.

Dun Anton Refalo f’kummenti li kien għamel f’l-orizzont kien qal li “nixtieq insaqsi x’kuxjenza tajba u retta kienet dik li taqbad u tbigħ l-art lill-ispekulaturi, fid-19 ta’ Ġunju 1988 bla ma bis stindenja ruħek li tikkonsulata jew tieħu parir minn qabel,jew almenu tinforma, b’dak li se tagħmel bi 68 tomna art, la lill-Isqof tad-Djoċesi u lanqas lill-Arċipriet tal-Qala – li dak iż-żmien kont jien.” Hu kien qal li “fl-aħħar mill-aħħar, spekulazzjoni ta’ art ma tfisser xejn aktar ħlief ‘business’ u ‘business’ ma jsarraf f’xejn ħlief f’interessi finanzjarji, jidħol min jidħol fihom u jagħmilhom min jagħmilhom”.



Il-proġett suppost lest



Ftit tas-snin ilu, meta kien hemm bdil f’dan il-proġett, kien issemma’ kif il-kumpanija Gozo Prestige Holidays, kienet qiegħda tippjana li l-proġett ta’ villaġġ f’Ħondoq ir-Rummien jitlesta fis-sena 2010. Il-proġett kien intqal li se jiswa €75 mljun. L-art fejn se jsir il-porġett hi ta’ 197,597 metru kwadru, bl-iżviluppaturijgħidu li se jiżvilupaw 58,880 metru kwadru. L-iżviluppaturi kienu qalu li l-proġett se jkun jinvolvi tqattiegħ ta’ madwar 900,000 metru kubu ta’ blat mill-barriera u se jsiru madwar 60 vjaġġ bit-trakkijiet kuljum.

Fuq il-proġett propost kien sar referendum fuq tlett ijiem, li għalih kien ħarġu jivvotaw 966 persuna mill-Qala jew 74.4 fil-mija minn 1,298 resident. Minn dawn, 806 jew 84.5 fil-mija ivvutaw kontra l-proġett, waqt li 148 jew 15.5 fil-mija ivvutaw favur.