SOS Hondoq News

Monday, February 13, 2012

Il-proġett f’ħondoq ir-Rummien fil-Qala

Pubblikata fuq l-Orizzont minn John Pisani.


L-iżviluppaturi mitlubin jippreżentaw il-pjanti l-ġodda

Il-Bord tal-Appell tal-MEPA ordna lill-iżviluppaturi tal-pro­ġett ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex, biex jissottomettu l-pjanti l-ġodda pe­ress li dawk ippreżentati huma totalment differenti mill-pjan­ti oriġinali. Dan ġie deċiż meta kien qed jinstema’ l-appell li għamlu l-iżviluppaturi mal-Bord tal-Appell tal-MEPA.
Is-Sindku tal-Qala, Paul But­tigieg, qal lill-ġurnalisti li l-problema hija li l-iżviluppaturi ppreżentaw disinni ġodda fuq il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien iżda dawn id-disinni l-ġodda jvarjaw ħafna mill-pjan­ti oriġinali li kienu bagħtu fil-bidu.
Għaldaqstant il-MEPA qiegħda toġġezzjona minħabba li tant sar tibdil li ma jis­tgħux jippreżentaw il-pjanti l-ġodda u jridu japplikaw mill-ġdid.
“Issa hemm din il-kwistjoni legali bejn il-MEPA u l-iżvi­lup­paturi jekk dawn għandhomx jerġgħu japplikaw mill-ġdid jew inkella dawn il-pjanti l-ġodda li ssottomettew humiex validi jew le,” qalilna s-Sindku Buttigieg.
Min-naħa tiegħu l-Kunsil­lier Pawlu Buttigieg qalilna li hemm bosta affarijiet diffe­renti, speċjalment il-laguna. Barra minn hekk issa talbu biex iwaqqgħu d-distillatur li mhux magħruf jekk għandhomx l-approvazzjoni tal-awtoritajiet. Talbu wkoll biex il-parkeġġ tal-karozzi jkun iktar ’il ġewwa u se jkun hemm spazju għal 90 vettura meta f’Ħondoq ir-Rummien ikun hemm iktar minn 300 karozza. Huwa qal li l-iżviluppaturi ppreżentaw disinni artistiċi tal-parkeġġ u mhux kif inhuma l-pjanti.
Il-każ se jkompli jinstema’ quddiem il-Bord tal-Appell tal-MEPA fit-22 ta’ Mejju, 2012, f’12.00 p.m.