X’jitilfu biss għandhom tal-Qala
Pubblikata fuq t-Torca nhar l-Hadd 18 ta' Lulju, 2010.
U la jkollhom il-kunsill tagħhom (ir-residenti barranin) jagħmlu dak li jridu. U l-Qalin ikollhom, iridu u ma jridux, ibaxxu rashom għal dak li jridu l-baranin. Jien se nsemmi biss xi ftit affarijiet żgħar li jistgħu jitilfu mhux biss il-Qalin, imma Għawdex kollu.
Nibdew mill-bajja nfisha. Bajja pittoreska li għall-Qalin hija ġawhra imprezzabbli, l-aktar fis-sajf. Din il-ġawhra titgawda mhux biss mill-Qalin u Għawdxin oħra, iżda wkoll minn ħafna Maltin li fix-xhur tas-sajf iżuru lil Għawdex. U min se jbati jekk mhux il-Qalin u naħiet oħra ta’ Għawdex jekk il-Maltin jibdew jonqsu milli jiffrekwentaw lil Għawdex?
Lanqas murtal fil-festa ma jkunu jistgħu jisparaw u l-qniepen melodjużi tal-Qala jkollhom jisktu biex ma jiddisturbawx il-kwiet li jridu jgawdu r-residenti barranin. Jiena nasal biex ngħid li lanqas purċissjoni ma tkun tista’ titgawda kif titgawda llum.
Huwa fatt magħruf li ħafna mill-emigranti Qalin li jiġu jżuru lill-familji tagħhom, dawn jiġu fil-jiem tal-festa appuntu biex igawdu l-festa li tant jimmissjaw fl-art li addottathom. Tgħid dawn se jibqgħu jiġu bħalma qegħdin jiġu llum? U min se jitlef jekk jonqsu li jkomplu jiġu?
Min-naħa morali u reliġjuż ma nħossx li hu kompitu tie-għi li ngħid x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet fi proġett bħal dan. Hemm min hu kompetenti jekk irid jitkellem. U nieqaf hemm.
Dawk l-ispekulaturi u oħrajn li se jmeximxu minn fuq dan il-proġett qegħdin jippruvaw ibellgħu l-lixka li b’dan il-proġett se jinħolqu ħafna mpjiegi għall-Qalin u għall-Għawdxin. Ħafna hemm? U ħalluna! Il-ftit impjiegi li jistgħu jinħolqu żgur li se jibilgħuhom l-emigranti klandestini li lesti jagħtu xogħolhom għal ftit ewro, u l-Qalin u l-Għawdxin jispiċċaw skjavi f’pajjiżhom jekk iridu jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet li lesti jaċċettaw il-klandestini.
Jekk tassew irridu li jinħolqu l-impjiegi għal Għawdex hemm bżonn li l-ministru u s-segretarju parlamentari ma jibqgħux jaħdmu biex jisirqu l-voti lil xulxin biss. Hemm bżonn li jagħmlu ras ma’ ras u jaraw kif jagħmlu biex jimlew il-fabbriki tax-Xewkija u jiftħu oħrajn ġodda li jkunu produttivi u jtejbu l-ekonomija ta’ Għawdex. B’hekk biss jis-tgħu jinħolqu l-impjiegi.
Dawn li ktibt jiena huma xi ftit intietef ħdejn dak li kiteb Jeremy Boissevain fit-TORĊA ta’ nhar il-Ħadd 6 ta’ Ġunju. L-istudju tal-impatt li jista’ jkollu proġett bħal dan spjegah bla kantunieri mhux bħalma għamel ħaddieħor, li ma weriex lill-Qalin li jistgħu jitilfu l-identità tagħhom.
L-aħħar kelma: allura dawk l-iskepulaturi li xtraw dik l-art mingħand l-Agostinjani x’se jagħmlu biha? Jiena parir wieħed nista’ nagħtihom. Bħalma fis-skiet ftehmtu mal-Agostinjani biex akkwistajtu dik l-art, erġgħu iltaqgħu mal-Agostinjani fis-skiet biex iroddulkom fluskom lura u jieħdu dik l-art lura. Im-bagħad? Imbagħad għall-imħabba tal-Qalin u tal-prox-xmu għandhom iħallu dik il-bajja biex titgawda mill-Qalin, l-Għawdxin u l-Maltin. X’hawn isbaħ milli wieħed jagħmel il-ġid lill-proxxmu?