SOS Hondoq News

Thursday, July 22, 2010

L-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien: Proġett “insensittiv u mhux sostenibbli”

Pubblikat fuq l-Orizzont nhar l-Hamis 22 ta' Lulju, 2010.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent esprimiet il-fehma li l-iżvilupp kif propost f’Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, Għawdex, mhuwiex wieħed sostenibbli u diffiċli tiġġustifika li dan jirrappreżenta ġid akbar u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin għal żmien twil. Dan għax il-proġett mhuwiex se jservi biex jikkonserva l-identità tal-pajsaġġ u s-sbuħija tal-inħawi li għandhom ikunu l-attrazzjoni prinċipali li biha tiġbed l-aqwa turist lejn Għawdex.

Waqt li qalet li “l-proposta ta’ dan l-iżvilupp turi insensittività kbira”, il-Kummissjoni kompliet tgħid li bl-iskuża tal-bżonn li titnaddaf il-barriera eżistenti u li jitranġa l-post, “hemm il-periklu li nispekulaw fuq l-art mingħajr rigward għal x’se jonqsilna mill-prodott turistiku li rridu noffru. Kienet ħasra li l-iżvi luppatur tħalla jixtri din l-art mingħajr ma l-bejjiegħ induna jew ma ta kas mill-ħsara li tista’ ssir minn dan il-bejgħ.”

Fi stqarrija li ħarġet, il-Kummissjoni esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ investiment, u minħabba f’hekk, in-nuqqas ta’ xogħol, f’Għawdex. Dan qed iwassal biex l-akbar riżors ta’ din il-gżira, jiġifieri n-nies bieżla u intelliġenti tagħha, spiss ikunu sfurzati jfittxu ġej jieni aħjar barra minn xtutna. Dan qiegħed ikabbar dejjem iżjed l-insularità doppja tagħha barra li jxejjaħ kważi b’mod allarmanti l-popolazzjoni ta’ din il-gżira. Jidher ċar li hemm bżonn ta’ żvilupp ġdid u sostenibbli f’din il-gżira, speċjalment fejn għandu x’jaqsam mat-turiżmu.

Il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha li ma jistax ikun hemm żvilupp jekk dan ma jkunx sostenibbli. “Bi żvilupp nifhmu bidla għall-aħjar li tissarraf fi stabbiltà akbar tas-sistema, u f’żieda fil-ġid komuni li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd. Dan ma jfissirx protezzjoni tal-ambjent akkost ta’ kollox jew li l-iżvilupp ma jġibx miegħu xi piż soċjali. Raġunar bħal dan hu fqir u perikoluż. Imma bl-istess mod, argumenti favur żvilupp ekonomiku li ma jirrispettax il-bżonnijiet soċjali u ambjentali tal-pajjiż huma foqra u perikolużi wkoll. Raġunar bħal dan jista’ jwassal għall-proġetti li filwaqt li jkollhom il-mira li jżidu x-xogħol, il-kompetittività u l-gwadann ekonomiku, jispiċ ċaw biex ftit nies igawdu għad-dannu tal-kwalità ta’ ħajja (f’sens soċjali, ambjentali u anke f’sens ekonomiku) tal-bqija tas-soċjetà.”

It-turist tal-lum sar ħafna aktar sensittiv għall-esperjenza kompluta tal-post li jiġbor fil-jiem li jagħmel fostna. L-indikaz zjonijiet huma diġà hemm għal min irid jarahom. L-industrija tat-turiżmu laħqet il-livell ta’ saturazzjoni tagħha u minħabba f’hekk diġà qed jinħassu sew l-effetti fuq il-kwalità tal-ambjent... b’mod li l-istess prodott turistiku Malti sar inferjuri.

Il-Kummissjoni saħqet li jkun ta’ xejn jiżdiedu l-isforżi biex jinbiegħ prodott fjakk. Kull inizjattiva ġdida fil-qasam tat-turiżmu tkun konto-produttiva jekk ma twassalx sabiex, jiżdied il-qligħ iżda mhux in-numru ta’ turisti li jiġu jżuruna, l-ammont ta’ turisti li jżuruna jkun mifrux mas-sena kollha u mhux ikkonċentrat fis-sajf ma nkomplux innaqqru aktar mir-risorsi ambjentali tagħna, bħall-pajsaġġ tipikament Malti, il-bijodiversità u l-istess identità kulturali tagħna, jitnaqqas il-monopolju li għandhom l-operaturi tal-ivvjaġġar fuq dan is-settur, speċjalment fil-kwalità ta’ turisti li jżuruna, u tonqos id-dipendenza kbira li l-ekonomija tal-pajjiż għandha mid-dħul ta’ din l-industrija.”

Kompliet tgħid li jidher li min-naħa tal-awtoritajiet, l-affarijiet tbiddlu xi ftit mill-2006 ’il hawn. Jidher li llum hemm ħafna aktar sensittività għal bżonn li l-industrija tat-turiżmu tirrispetta l-bżonnijiet soċjali u ambjentali biex hi stess tkun tista’ tilqa’ l-isfidi ekonomiċi li jitfaċċaw minn żmien għall-żmien. Il-pożizzjoni tal-Kum miss joni mhix li nagħmlu “presepju” minn Għawdex, iżda li niżguraw li kull żvilupp li jseħħ f’din il-gżira jkun wieħed li jtej jeb verament il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jħares lejn gwadann ekonomiku fit-tul u għall-ġid komuni.

L-iżvilupp propost kif spjegat fl-EIS jinkludi l-bini ta’ marina (għal madwar 150 jott), lukanda ta’ ħames stilel li tinkludi 150 unit, u villaġġ turistiku. L-EIS qiegħed joffri dan l-iżvilupp bħala mezz ta’ kif il-barriera mitluqa li tinsab f’din il-bajja, titnaddaf u tibda tintuża biex tiġġenera l-flus permezz ta’ binjiet turistiċi u residenzjali u lukanda.

Kif jargumenta l-istess EIS, waħda mill-problemi (jew diffikultajiet) identifikati mill-pro ġett huwa l-fatt li bħalissa l-industrija tat-turiżmu f’Għaw dex għaddejja minn diffikultajiet. Il-proġett tal-Ħondoq qed jipproponi li jirdoppja n-numru ta’ sodod fil-kategorija ta’ lukandi b’ħames stilel, fi żmien meta lukandi ta’ dan it-tip għandhom diffikultajiet. Għalhekk il-lukanda weħidha f’Ħon doq ma tkunx ekonomikament vijabbli sakemm ma jkunx hemm il-villaġġ turistiku u l-marina marbutin miegħu.

Fl-istess waqt jitressaq l-argument li l-lukanda hija parti integ rali mis-servizzi bżonnjużi għas-suċċess tal-marina. Fi ftit kliem: jew kollox, jew xejn! Dan iwassal biex l-iżvilupp propost jilħaq skala kbira. L-istess EIS huwa konxju ħafna mill-iskala kbira tal-proġett, fil-fatt il-Market Assessment tal-EIS jikkonkludi li, “the major concern is the potential oversupply in the market, particularly for the hotel and tourist village”. Għalhekk l-EIS, joffri diversi ġustifikazzjonijiet għal dan il-kobor.

Kien irrimarkat li fl-istess waqt, dan il-proġett fuq skala kbira huwa ppreżentat bħala sforz biex isebbaħ l-inħawi tal-Ħondoq, inkluż il-barriera mitluqa u mimlija ħmieġ u skart u l-art tal-madwar. L-argument bażiku tal-proposta hu li jekk irridu nnaddfu Ħondoq għandna bżonn il-flus, u dawn il-flus ikunu ġġenerati biss mill-proġett fih innifsu.

L-EIS stess isostni li l-kwalità tal-baħar ta’ dan il-post hija waħda tajba ħafna u li l-ambjent tal-post hu wieħed tran kwill u bla mittiefes (minkejja li matul is-sajf mijiet ta’ nies jinvadu l-post). L-EIS jidentifika numru ta’ impatti li dan il-proġett jista’ jkollu fuq il-kwalità tal-ambjent tal-inħawi, iżda jkun pront jispjega kif dawn l-impatti jistgħu jkunu solvuti permezz ta’ numru ta’ konsiderazzjonijiet waqt il-fażi ta’ kostruz zjoni kif ukoll meta l-proġett jibda jopera. Sfortunatament, dan l-istess kliem juri t-tendenza rikorrenti ta’ dan l-EIS li jqis il-miżuri ta’ mitigazzjoni bħala miżuri li żgur se jaħdmu. Fil-verità wieħed qatt ma jista’ jaċċerta ruħu li dawn il-miżuri se jkunu implimentati u implementati b’sucċċess, qabel mal-istess proġett jibda jopera.

L-EIS jagħmel diversi attentati biex juri li, minkejja l-iskala kbira tal-proġett, l-iżvilupp se jeffettwa ftit li xejn il-pajsaġġ tal-post minħabba li ħafna mill-binjiet se jkunu “moħbija” fil-ħofra tal-barriera. Fl-istess waqt l-EIS jagħmel diversi paraguni mal-iżvilupp tal-marina f’Por tomaso, San Ġiljan. Per eżempju, l-EIS jikkonferma li l-marina se tipprovdi proġett fuq skala internazzjonali li jiġbed lejn Għawdex l-istess opportunitajiet (suċċessi) li ħoloq il-proġett ta’ Portomaso. Anke meta jiġi biex ikejjel il-qliegħ tal-proġett, juża estimi u prezzijiet tas-suq li bihom inbigħu l-proprjetajiet f’Portomaso.

Il-Kummissjoni qalet li filwaqt li dan ir-raġunar jagħmel sens, l-istess raġunar iwassalha biex tosserva li Portomaso huwa proġett li mela niċċa li qabel kienet okkupata mil-Lukanda Hilton l-antika. Din in-niċċa kienet parti integrali minn żvilupp urban kbir u mifrux li jinkludi Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema.

Fil-każ tal-iżvilupp tal-Ħondoq, l-iżviluppaturi qegħdin isostnu li l-proġett jibqa’ prinċipalment limitat (għall-inqas il-parti l-kbira tiegħu) għall-footprint tal-barriera u l-inħawi fil-viċin. L-istess tpinġijiet tal-proġett jagħtu indikazzjoni ta’ żvilupp intens ta’ binjiet imdawrin mal-marina, speċi ta’ Portomaso ieħor, transpjantat f’iżolament stupend f’Ħondoq ir-Rummien. Madankollu, dan hu propost mingħajr konsiderazzjoni tal-impatt li dan il-proġett se jkollu fuq l-iżvilupp urban u l-firxa ta’ binjiet oħra li jinbtu minnu li jibqgħu jinfirxu max-xtut u ’l ġewwa lejn il-Qala. Anke min għandu idea bażika ta’ ppjanar jistaqsi jekk hux possibbli tinjora dan l-impatt ta’ proġett ta’ din id-dimensjoni?”

Hemm żewġ xenarji quddiem na. Jista’ jkun li, mal-medda taż-żmien, il-marina u l-kumpless tal-Ħondoq, kif proposti llum, jibqgħu iżolati fil-kampanja meraviljuża tipikament Għawdxija.

Inkella jis ta’ jkun li, maż-żmien, dan it-tieni Portomaso ġewwa l-Ħondoq, iservi ta’ ċentru li minnu nfirxu binjiet oħra ferm ’lil hinn minn dawk li konna approvajna. Meta tqis il-mod kif iseħħ l-iżvilupp u r-regoli tal-ippjanar, il-Kummissjoni tħoss li t-tieni xenarju hu aktar probabbli u għalhekk issostni li kull żvilupp ta’ marinas għandu jitħalla jseħħ f’inħawi fejn diġà jeżisti ċertu livell ta’ żvilupp urban.

Minbarra dawn l-argumenti li jikkonċernaw l-ippjanar u l-użu għaqli tal-art, il-Kummissjoni ħasset li din il-proposta għall-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien turi insensittività soċjali kbira. Il-Kummissjoni qalet li ma tistax tifhem kif l-iżviluppatur għażel li jinjora l-fatt li l-maġġoranza tar-residenti tal-Qala, li se jkunu milqutin direttament mill-proġett, huma kontra dan l-iżvilupp kif propost. Minbarra dan hemm ukoll aspetti ta’ mitigazzjoni fl-EIS, per eżempju l-għoti ta’ twieqi double glazed biex jitnaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju u l-emissjonijiet fl-arja, li juru l-mod superfiċjali kif problemi reali għall-popolazzjoni lokali qed jingħataw importanza sekondarja. Atteġġjamenti simili jqajmu suspetti serji fir-responsabbiltà soċjali ta’ dan il-proġett.

Għaldaqstant waqt li qalet li l-iżvilupp kif propost f’Ħondoq ir-Rummien mhux wieħed sostenibbli, il-Kummissjoni appellat lil kulħadd, speċjalment lil dawk kollha li semmew leħinhom kontra dan l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien: “Li jitwaqqaf dan il-proġett mhux biżżejjed. Dan ikun biss l-ewwel pass. Hemm bżonn urġenti li nkunu ferm aktar proattivi fil-mod kif nindukraw il-wirt Għawdxi. Hemm bżonn li naraw kif it-telqa ta’ barriera u l-isfreġju ambjentali ta’ mad-dawra tagħha għandhom ikunu indirizzati b’mod prattiku u konkret fil-programm Eko-Għawdex. Ir-riġenerazzjoni tal-post se jkollha bżonn il-flus. Aktar milli jingħata l-lok għal aktar spekulazzjoni tal-art, dawn il-fondi għandhom jiġu minn programmi nazzjonali ppjanati b’mod ħolistiku li verament ikollhom l-iskop li jissarfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin kollha u prodott turistiku aħjar.”

Ta’ min ifakkar li min-naħa tiegħu l-Partit Laburista ilu ġimgħat sħaħ li wera r-riservi tiegħu dwar dan il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Filwaqt li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat kien għamilha ċara fuq il-mezzi tax-xandir li l-PL iqis dan il-proġett bħala wieħed għal kollox mhux sostenibbli, il-Kelliem għall-Ambjent Leo Brincat kien kiteb li dan il-proġett jirriduċi l-kunċett ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika bħala farsa kif ukoll li l-PL kien se jħares l-interessi ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Għawdex meta jiġu biex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar dan il-proġett fil-ġej jieni.

Intant kummentaturi politiċi ilhom li nnotaw li filwaqt li l-Ministru għal Għawdex konvenjentement għażlet li ma tikkummentax dwar il-proġett, hemm ċerti Kunsillieri Nazzjonalisti li qegħdin jopponu l-proġett u oħrajn li qegħdin jibqgħu siekta, filwaqt li wieħed isib kandidati tal-PN għall-aħħar elezzjonijiet Ewropej li fl-istess nifs hemm min minn hom qed jappoġġja l-proġett bis-sħiħ filwaqt li oħrajn qegħdin jopponuh pubblikament.

Ħafna jqisu li t-taħwid fil-kamp Nazzjonalista flimkien mad-deċiżjonijiet futuri dwar dan il-proġett se jservu ta’ prova biex wieħed jistabbilixxi kemm dik hekk msejħa riforma tal-MEPA hija effettiva jew le.