SOS Hondoq News

Monday, August 08, 2011

Pass eqreb biex Ħondoq ir-Rummien jiġi salvat milli jiġi żviluppat

L-ambjentalisti ħadu l-aħbar pożittiva li d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent (DPA) fi ħdan il-MEPA mhux biss qiegħed jopponi l-iżvilupp propost għal Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex, imma qiegħed isostni li fil-bajja m’għandu jsir lanqas żvilupp ċkejken.

Il-MEPA għandha applikazzjoni quddiemha biex f’Qala Creek tinbena ‘yacht marina’ li tkun tesa bejn 100 u 150 jott (jiddependi mid-daqs tagħhom), lukanda ta’ ħames stilel b’170 sodda, 283 post ta’ abitazzjoni li jvarjaw minn villas, appartamenti u ‘bungalows’, għaxar ħwienet u parkeġġ taħt l-art li jkun jesa 731 vettura.
Fir-rapport li ħejja d-DPA huwa jiddeskrivi l-proġett bħala “żvilupp kbir urban f’żona barra mill-iżvilupp” u jgħid li fis-sit lanqas żvilupp żgħir m’għandu jsir. Huwa jsostni wkoll li l-proġett se jħalli impatt negattiv fuq l-inħawi li jvarja minn storbju, dħaħen u kwalità agħar tal-baħar.
Ir-rapport jgħid ukoll li t-trabijiet li jinħolqu waqt it-tħaffir u l-bini tal-proġett mistenni jaffetwa lir-residenti tal-Qala kif ukoll lill-għelieqi tal-madwar għax ir-riħ jista’ jtajjar it-trab sa nofs kilometru bogħod.
Dawn l-istqarrijiet min-naħa tad-DPA mill-ewwel ġabu reazzjonijiet minn diversi naħat fosthom il-Kunsill Lokali tal-Qala fejn is-Sindku Paul Buttigieg qal li r-rapport jikkonferma kemm kien fih ineżattezzi l-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) li sar qabel.
“L-EIA kien wieħed totalment ‘biased’ kontra l-lokalità tagħna u dan biex jaġevola l-proġett u l-iżvilup­pa­turi,” huwa sostna.
Buttigieg madankollu huwa konxju li d-deċiżjoni finali għadha ma tteħditx u sostna li jridu joqogħdu attenti għal kull mossa li tista’ ssir sakemm il-proġett jitla’ quddiem il-Bord tal-MEPA.
“Konvint li matul dawn il-ġimgħat li ġejjin se tisimgħu ħafna dwar dan il-proġett u f’isem il-Kunsill Lokali tal-Qawra fid-dmir u fl-obbligu li nżommukom infurmati dwar dak kollu li jkun qiegħed jiġri b’mod partikolari lir-resident Qalin,” żied Buttigieg.
Tliet għaqdiet ambjentali – Moviment Ħarsien Ħondoq, Flimkien għal Ambjent Aħjar u r-Ramblers – ukoll urew is-sodisfazzjon tagħhom għall-konklużjoni fir-rapport tad-DPA.
F’reazzjoni konġunta, huma qalu li jekk jgħaddi l-proġett ir-raħal tal-Qala se jirdoppja fid-daqs u dan iħalli impatt fuq it-tniġġiż mill-vetturi.
Dan barra t-trabijiet li jinħolqu mix-xogħol tal-kostruzzjoni fejn l-għaqdiet isemmu li fuq perjodu ta’ 18-il xahar jispiċċaw joħorġu mis-sit trakk mimli ġebel kull erba’ minuti. Meta jkun mibni l-proġett ikun ifisser li se jgħaddu madwar 2,000 karozza kuljum li jfissir tniġġiż mill-istorbju u tniġġiż fl-arja.
It-tliet għaqdiet ħassewhom imħassbin b’ċerti frażijiet użati fl-EIA bħal “the site cries out to be developed” (is-sit għandu bżonn kbir li jiġi żviluppat) u “developing a marina at this location offers a win-win situation” (l-iżvilupp tal-‘yacht marina jgawdi minnu kulħadd).
“Waqt li r-rapport dwar l-iżvilupp tal-‘yacht marinas’ fil-pajjiż is-sit ta’ Ħondoq ir-Rummien kien eskluż, l-EIA qiegħed jgħid li huwa l-iktar sit addattat bl-iskuża li l-ftit dgħajjes li jidħlu fil-post jiġġustikaw marina għal 150 jott,” sostnew flimkien l-imsemmijin għaqdiet. Huma jemmnu li s-sit jista’ jiġi mtejjeb billi jitneħħa t-terrapien tal-ġebel u skart ieħor li hemm fl-inħawi u jitħawlu iktar siġar, jissebbaħ il-wied u jiġu mtejbin il-faċilitajiet tar-rikreazzjoni fil-bajja.
“Aħna naqblu mal-konklużjoni tar-rapport tad-DPA li qal dak li ilna ngħidu mindu l-applikazzjoni ġiet sottomessa disa’ snin ilu jiġifieri li ż-żona għandha tinbidel f’‘park’ nazzjonali ħalli minnu jgawdu l-pubbliku u t-turiżmu Għawdxi”.
Għaqda oħra li laqgħet il-parir tad-DPA kienet Żminijietna – Leħen ix-Xellug fejn anke appellat lill-Bord tal-MEPA biex jivvota kontra dan l-iżvilupp għax in-nies għandhom dritt igawdu spazji pubbliċi.
“Iż-żona proposta hija waħda Barra miż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ) u l-akkwata hija waħda ffrekwentata mill-pubbliku għall-għawm u l-mixjiet fil-kampanja. Referendum li kien sar mal-poplu tal-Qala ħareġ biċ-ċar li 85 fil-mija tal-Qalin ma jaqblux mal-proġett propost,” sostna l-kelliem tal-għaqda David Pisani.
Waqt li apppellat lill-Gvern għal politika ċara favur dak li huwa stess qiegħed isejjaħ “Għawdex Ekoloġiku” li għandu jwassal għar-rijabilitazzjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien, l-għaqda ħeġġet għal investiment pubbliku li jinkludi t-tħawwil tas-siġar.


To view the comments, go to

http://www.independent.com.mt/news.asp?newsitemid=129904