Proġett bla bżonn
Pubblikata fuq Illum nhar t-23 ta' Mejju, 2010 minn Alessio Mizzi.
F’Għawdex djar u appartamenti vojta għandna daqs dawk abitabbli, jekk mhux aktar, u se nkomplu nibnu u nibnu aktar. Li jkollok dar qadima u twaqqagħha fiha u ma fihiex, imma li tibni appartamenti fuq art verġni u barra miż-żona tal-iżvilupp bħal ta’ Ħondoq ir-Rummien hija storja oħra.
Possibbli li hawn nies li ħalfu li fil-ftit snin li se jqattgħu f’din id-dinja jridu jeqirdu dak kollu li hu naturali?
Qed nirreferi għall-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien, għaliex meta tagħmel proġett igawdi minnu kulħadd u mhux ftit nies biss.
Barra l-ħsara li se ssir fuq l-ambjent pittoresk u naturali ta’ ħondoq, se ssir ħafna ħsara wkoll lis-saħħa tal-poplu. Sakemm jitlesta l-proġett u anke wara t-traffiku jrid jgħaddi minn triq waħda li partijiet minnha wiesgħa biss erbgħa metri u ftit.
Meta jkunu għaddejjin it-trakkijiet minn din it-triq, kull min ikun għaddej bil-mixi, bilfors ikollu jidħol f’xi bieb ta’ xi dar biex ma jitgħaffiġx bit-trakk. Ta’ min jgħid ukoll li fil-preżent diġà qed jgħaddu trakkijiet għal żewġ barrieri kbar u impjant tar-ready mix. Diġà qed ngħixu f’inkonvenjent esaġerat.
Dan it-traffiku kollu jrid jgħaddi minn quddiem żewġ skejjel, mill-pjazza tar-raħal u mal-ġenb tas-Santwarju tal-Kunċizzjoni li għandu mijiet ta’ snin. Mela t-tfal se jibilgħu l-exhaust tat-traffiku u l-ħsara strutturali fid-djar tagħhom.
Għaliex ma jsirx Traffic Impact Assessment suriet in-nies u jsir fi Triq l-Imġarr, fi Triq 28 ta’ April 1688 u fi Triq il-Kunċizzjoni u mhux bħal dak li sar, fażull għaliex sar barra r-raħal tal-Qala?
Possibbli li l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom u jsoddu widnejhom għall-karba tan-nies biex Ħondoq ir-Rummien jibqa’ fl-istat naturali tiegħu u ma jsirx Xlendi ieħor.