SOS Hondoq News

Friday, October 04, 2013

It-theddida fuq Ħondoq ir-Rummien… il-poplu mħeġġeġ jikteb lill-MEPA

Pubblikata fuq www.inews.com minn Victor Vella.

Kien 11-il sena ilu li bdiet il-gwerra kontra l-proġett turistiku propost f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex. Għalkemm il-proġett propost (il-bini ta' lukanda u villaġġ) għadu qed ikun skrutinat, kollox qed jindika li se jkun diffiċli ħafna li jinħarġu l-permessi. Madankollu għal għadd ta' ambjentalisti u dawk involuti fil-kampanja kontra l-proġett permezz ta' SOS Ħondoq ir-Rummien il-gwerra mhix mitmuma.
Fl-aħħar jiem diversi ambjentalisti bdew iħeġġu lill-pubbliku inġenerali biex jidħol fis-sit tal-MEPA fejn hemmhekk qed tinġabar informazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjan lokali għaż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien u jiffirmaw petizzjoni fejn fost oħrajn tgħid li Ħondoq ir-Rummien għandu jsir park nazzjonali u li ż-żona terġa' tiġi dikjarata bħala 'żona barra l-iżvilupp' (ODZ).
Il-pubbliku permezz tas-sit SOS Ħondoq.blogspot.com, qed jingħata kopja tal-petizzjoni li għandha tintbagħat lill-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Din il-petizzjoni tgħid li "ż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien kienet ġiet disinjata għal żvilupp turistiku mingħajr konsultazzjoni pubblika. L-Awditur tal-MEPA stess jikkonferma li hemm nuqqas ta' konsultazzjoni. Il-pjan li kien hemm bejn il-MEPA u l-kunsill tal-Qala kien dak li din iż-żona għandha tintuża għal skop agrikolu u afforestazzjoni. Kemm id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent u anke il-Bord tal-Wirt Naturali irrakkomandaw li l-proġett ikun rifjutat. 85 fil-mija tar-residenti tal-Qala esprimew li huma kontra l-proġett". Il-petizzjoni tkompli tgħid li "bħala wied ta' kategorija A, m'għandu ikun hemm ebda żvilupp ġdid fih. Nitolbu li l-bord tal-MEPA jaċċetta r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali u jirrifjuta li jagħti permess għal dan l-iżvilupp. Nitolbu li Ħondoq ir-Rummien jerġa' jiġi dikjarat bħala 'żona barra l-iżvilupp' u li jsir 'park nazzjonali.”