SOS Hondoq News

Wednesday, May 23, 2012

Tkompli l-kontroversja dwar ħondoq ir-Rummien Komplew iġeddu ż-żmien

Pubblikat fuq l-Orizzont nhar l-Erbgha. 23 ta' Mejju, 2012 


Meta suppost ilbieraħ kellu jinstema’ l-appell dwar il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex, wara li l-Bord tal-Appell tal-MEPA kien ordna lill-iżviluppaturi biex jissottomettu l-pjanti l-ġodda peress li dawk ippreżentati huma totalment differenti mill-pjanti oriġinali, fil-fatt ma sar xejn. Kulma ħareġ mil-laqgħa tal-bieraħ kien li l-każ għat-trattazzjoni finali issa ġie pospost għal nofs Ottubru. 

Fil-laqgħa li saret ilbieraħ quddiem il-Bord tal-Appell l-iżviluppaturi kellhom jissottomettu l-pjanti l-ġodda iżda minflok talbu estensjoni sal-10 ta’ Ġunju. Kemm il-Kunsill Lokali tal-Qala kif ukoll il-MEPA oġġezzjonaw għal dan, iżda l-Bord tal-Appell ta lill-iżvilupatturi sal-aħħar ta’ Ġunju biex iressaq is-sottomissjonijet u ta lill-Kunsill xahrejn żmien biex jirrispondu. 

Il-każ issa se jkompli jinstema’ fis-16 ta’ Ottubru meta jkunu trattati dak li jkun inkiteb u wara l-każ imur għad-deċiżjoni finali.

Astrid Vella mill-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, qalet lil l-orizzont li dan mhu xejn ħlief dewmien żejjed u ddesriviet id-deċiżjoni bħala li “ġustizzja ttardjata hija ġustizzja miċħuda”. 

Hija qalet li wara li Għawdex ingħata t-tielet premju fil-kwalità tal-baj­jiet mill-Unjoni Ewropea, tittama li ma tkunx il-MEPA stess li dan il-premju jittieħed jekk toħroġ il-permessi biex jinqered Ħondoq ir-Rummien.

Il-Viċi Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, qal lil dan il-ġurnal li l-iżviluppaturi kellhom żmien biżżejjed biex jirrispondu u dan mhu xejn ħlief ħela ta’ ħin.

Fost dawk li qed joġġezz­jonaw dwar dan il-proġett hemm il-Moviment Ħarsien Ħondoq, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers, Nature Trust, Wirt Għawdex, FoE Malta, Din l-Art Ħelwa u l-GUG.