SOS Hondoq News

Sunday, June 15, 2008

Għażiża Michelle

Parti minn artiklu ppubblikat fuq l-Orizzont nhar s-Sibt 14 ta' Gunju, 2008 minn Joe Chetcuti.

Pawlu u l-Ħondoq

Għal ħafna żmien Paul Buttigieg, il-Kunsillier Laburista tal-Qala, seta’ ħassu mħolli waħdu jimbotta ‘l quddiem il-kampanja kontra l-qerda ta’ l-isbaħ bajja f’Għawdex, Ħondoq ir-Rummien. Però ħaġa ta’ l-iskantament, aktar ma beda jsib xkiel ma’ wiċċu Pawlu kien beda aktar iżid fid-determinazzjoni tiegħu, anki meta dan l-ixkiel beda ġej minn nies li tant kien qed jistenna appoġġ minnhom. U fejn ħaddieħor seta’ faċli jaqta’ qalbu, Pawlu beda aktar iżid fil-kuraġġ li jippersisti sa l-aħħar.

Niftakar konna flimkien Brussels għal żjara politika qasira u fil-ftit jiem li għamilna hemm irranġa, bl-għajnuna ta’ dak li llum hu l-Mexxej ġdid Laburista, laqgħa ma’ l-istaff ewlieni tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent u ppreżentalhom ruxxmata dokumenti dwar il-każ. Niftakar li tant kien sodisfatt bih innifsu dak in-nhar li stajt nara f’għajnejh li ftit kienu dawk l-okkażjonijiet oħrajn f’ħajtu, apparti episodji ta’ natura personali u familjari, li tawh sodisfazzjon daqshekk.

Erġajt ftakart f’Pawlu din il-ġimgħa meta waqt il-programm “Dissett” Joseph Muscat esprima ruħu totalment kontra l-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien. U stajt, nilmaħ mingħajr ma kien quddiemi, wiċċ Pawlu sodisfatt hekk kif dlonk intebaħ li m’għadux aktar leħen solitarju fid-deżert.

Bies tara l-artiklu kollu, mur fuq http://www.l-orizzont.com:80/news.asp?newsitemid=45062